banner
KALENDARJU

Skeda ta' servizzi tal-Fratellanza


L-Attivitajiet tal-Fratellanza Jidhru Fuq Sfond Blu

L-Attivitajiet tat-Terzjarji jidhru fuq Sfond Roża
Għal iktar dettal żur l-Arkivji u fittex l-aħħar ċirkolari













Xi tfisser tkun
Fratell ?

minn
Rev. Kan. Jos.Bonello


'Dan ikun għalik u għall-Karmelitani kollha, Privileġġ li min imut imlibbes b'dan il-Labtu, ma jsofrix in-nar ta' dejjem.'
Il-Madonna lil S.Xmun Stock, 16 ta' Lulju 1251.

Xi Tfisser Tkun Fratell ?

 

  L-iskop li tkun fratell mhux biss li tieħu sehem fil-purċissjoni u daqshekk.  Il-fratell veru devot tal-Madonna, huwa fid-dmir li jagħti xhieda vera, bil-kliem u bl-għemil ta’ ħajja tassew nisranija.  Fil-Konċilju Vatikan II, ġie stabbilit li n-nisrani bis-saħħa tal-Magħmudija huwa fid-dmir li jħares, jiddefendi u jkabbar dak kollu li hu nisrani, għalhekk il-fratelli għandhom jgħixu skond ma jemmnu, ukoll fid-diffikultajiet tal-ħajja: għandhom jagħtu xhieda ta’ vera nsara dejjem u kullimkien: fi ħdan il-familja, fuq ix-xogħol u fil-ħin tal-mistrieħ u wkoll fil-mument u fil-ġrajjiet kollha tal-ħajja nisranija.

 

  Wieħed mid-dmirijiet ta’ Fratell miktub fil-Fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu huwa li jkun devot kbir tal-Madonna.  Devozzjoni li għandha tkun sinċiera, devota u serja, li permezz ta’ Marija nersqu iktar lejn Ġesu’: Ad Jesum per Mariam.  Il-fratelli għandhom ifittxu li jgħixu ħajja nisranija, eżemplari skond l-istil tal-ħajja tagħhom.  Għandhom iwettqu d-dmirijiet tagħhom b’sens ta’ qima u devozzjoni u li jieħdu sehem fil-funzjonijiet, l-iktar fil-purċissjonijiet li jsiru fil-parroċċa bi spirtu ta’ qima, imħabba u devozzjoni.  Qatt il-fratell m’għandu jkollu spirtu ta’ firda u ta’ pika.  Il-fratelli devoti veri tal-Madonna għandhom jaħdmu id f’id ma’ l-Għaqdiet l-oħra, u ma jagħmlu xejn li jfixkel jew itellef il-ħidma flimkien fil-parroċċa: hija essenzjali l-kooperazzjoni ma’ l-Arċipriet u l-Kleru.  J’Alla d-devozzjoni li għandna lejn il-Madonna tressaqna iktar lejn is-sagramenti, lejn il-Knisja u lejn Ġesu'.

 fratelli

  Il-fratelli li jgħixu u jwettqu d-dmirijiet ta’ nsara u ta’ fratelli, għandhom jattendu regolarment għal-laqgħat tal-fratellanza li jsiru minn żmien għal żmien.  Dan dejjem għandu jsir b’sens ta’ qima u devozzjoni.  Il-fratelli għandhom ukoll iwettqu s-servizzi li l-fratellanza tkun obbligata twettaq, sew jekk dawn ikunu ġejjin mid-dmirijiet u regolamenti ta’ l-istess fratellanza, sew jekk dawn ikunu ġejjin mill-ħtiġijiet tal-ħidma pastorali tal-parroċċa.  Kull adult, li hu nisrani Kattoliku prattikanti, jixtieq jagħti xhieda ta’ dak li jemmen, u huwa devot tal-Madonna tal-Karmnu, jista jissieħeb fil-Fratellanza tal-Karmnu u hekk jieħu sehem mill-ġid spiritwali, talb u indulġenzi, u jkollu wkoll id-dritt għas-suffraġji wara mewtu, b’quddies u talb speċjali, l-iktar fix-xahar ta’ Novembru.  Il-Fratellanza tal-Karmnu fiż-Żurrieq, għandha patrimonju artistiku mill-aqwa.  Kull fratell għandu dritt u d-dmir li jieħu ħsieb sewwa dan il-patrimonju.  Basta, iżda, dan ma jsirx b’pika, iżda dejjem biex tikber iktar id-devozzjoni lejn Ommna Marija.

 

  Inkunu vera fratelli billi nwettqu d-dmirijiet mitluba minna.  Inġibu fuqna, il-Labtu mqaddes, bħala ulied veri tal-Madonna.  Infittxu li ngħixu skond ma nemmnu sa l-aħħar nifs ta’ ħajjitna dejjem bl-interċessjoni ta’ Marija.  Nhar il-festa nduru lejn Ommna Marija.  Hija l-għaxqa tagħna, nitolbuha għall-morda, għall-kleru, għall-familji tagħna, biex il-ġenerazzjonijiet li telgħin ikomplu jdawlu din il-fjamma ta’ mħabba ħierġa minn tant qlub Karmelitani.

 

                                                                        Estratt minn kitba ta’ Rev. Kan. Jos. Bonello