Lejn is-seklu tmintax l-artal tal-Madonna tal-Karmnu ma baqax
ikkurat bl-istess ħeġġa u qima u tard ħafna fl-istess seklu d-devozzjoni
lejh kienet birdet. Il-providenza
t’Alla bagħtet lil ċertu Giovanni Maria Borg, dixxindent remot
tal-fundatur, illi rnexxielu jagħti ħajja ġdida lid-devozzjoni.
Ejjew naraw x’jirrakkonta dan ir-rifuġjat nhar l-20
t’Awwissu 1801, dwar il-qawmien mill-ġdid ta’ din l-imħabba lejn
l-Omm tal-Labtu:
“Maħbubin
Fratelli,
B’radd il-ħajr għal dejjem lil Alla u lil Imqaddsa Verġni Marija, fl-ewwel
Ħadd ta’ Mejju tas-sena 1799, wara l-ikla ta’ nofsinhar, dħalt
fil-knisja taż-Żurrieq, intfajt fil-kor, fuq in-naħa tal-vanġelu u
qgħadt nisma lill-Viċi Parroku Dun Gio Maria Farrugia jitkellem dwar id-devozzjoni
tar-Rużarju bħala devozzjoni mill-aktar sublimi.
Ħsiebi dlonk waqa fuq id-devozzjoni tal-labtu u għedt bejni u
bejn ruħi kemm kienet birdet din id-devozzjoni ġewwa r-raħal tagħna.
Domt kważi nofs siegħa nhewden u dak il-ħin jien għamilt wegħda
miegħi nnifsi li bil-għajnuna t’Alla l-Imbierek inkun lest għal kollox
anke jekk immut, iżda qabel nara titwaqqaf il-fratellanza tal-Karmnu,
biex il-qlub tal-fidili jinġibdu lejn din id-devozzjoni, bit-tama li
bosta erwieħ jaraw is-salvazzjoni.
Ma tmiem il-priedka, dħalt fis-sagristija u malli sibt
lill-kappillan Don Orazio Gafa għedtlu b’kollox.
Tlabtu biex ma tmiem l-imblokk immorru nkellmu lill-isqof u
flimkien naraw jekk din hix tassew is-sejħa tas-Sinjur Alla u ta’ Ommu
Marija Santissma li jridu jinqdew bija, midneb miserabbli.
Ħsiebi laqat qalb il-kappillan u dan qalgħali l-grazzji kollha.
Allura, meta l-Franċiżi tbiegħdu minn xtutna, irħejniela għal
għand l-Arċisqof Fra Don Vincenzo Labini u meta wrejtu b’xewqti u tlabtu
l-parir siewi tiegħu, laqa bil-ferħa t-talba tiegħi.
Għamilt ir-rikorsi tiegħi bil-miktub u ffirmati mill-kappillan u
l-Arċisqof... u bgħatt is-supplika lill-Ġeneral ta’ l-Ordni Karmelitan,
sakemm imbagħad waslitli l-bolla ta’ l-erezzjoni.
Ngħidilkom is-sewwa li meta l-affarjiet ikunu miktuba fis-sema u
skond ir-rieda tal-Missier Etern, ħadd ma jieqfilhom jew iħassarhom.
Inrodd ħajr lis-Santissma Trinita u lil Marija Verġni għal din
il-grazzja u nitlob il-għajnuna tagħhom; u biex dan kollu jixhed is-sewwa,
bil-ġurament tiegħi nikkonfermah u nħażżeż ismi.ˮ
Jidher li l-priedka tal-Viċi Parroku Dun Gio Maria Farrugia qanqlet
f’dan ir-rifuġjat belti, imħabba lejn il-labtu mqaddes u allura ried
jistabbilixxi fratellanza ad unur il-Madonna tal-Karmnu u li kellha tkun
marbuta ma’ artal taħt l-istess titolu ġa eżistenti fl-istess knisja
Arċipretali. Ta min jgħid li
f’Malta kienu diġa twaqqfu xi fratellanzi taħt il-patroċinju tal-Verġni
Mbierka. Nhar it-30 t’April
1664, il-Vigarju l-Kanonku D. Attard ta l-permess tat-twaqqif ta’ l-ewwel
Konfratellanza tal-Madonna tal-Karmnu ġewwa l-Imdina.
Imbagħad fl-1722 twaqqfet waħda fl-Isla u l-istess ġara
fis-Siġġiewi fl-1745.
Ikun qiegħed jiżbalja min jaħseb li l-idea ta’ ‘FRATELLANZA’ nibtet
fil-parroċċi ta’ Malta fis-sekli sittax u sbatax bl-iskop uniku li dawn
jieħdu sehem fil-purċissjonijiet tar-raħal.
L-idea ta’ ‘FRATELLANZA’ tmur lura lejn is-seklu hmistax, fi
żmien l-Aragoniżi. Fis-sena 1467
il-kbarat ta’ Malta kienu talbu lill-Viċire ta’ Sqallija li jneħħi
lill-iskarpan (‘curvisieri’), ħajjata (‘custureri’) u oħrajn bħal
sajjieda u nissieġa tal-qoton il-jedd li jintgħazlu għall-ħatriet għolja
għax dehrilhom li għal dan ix-xogħol m’għandhomx ikunu nies ta’ kafkaf.
Il-Viċire għoġbu jilqa din it-talba, sakemm ma kienx hemm drawwa
oħra kuntrarja. Ġara li n-nies
tas-snajja, kif ukoll il-professjonisti, bħat-tobba, għamlu għaqdiet
għalihom bħal ‘TRADE UNIONS’, ‘GUILDS’ jew ‘fratellanzi’ taħt
il-patroċinju tal-Madonna jew xi qaddis.
Hekk ngħidu aħna jissemmew iż-żewġ fratellanzi ta’ San Ġużepp fil-Rabat
u tal-Lunzjata fil-Birgu li huma meqjusa bħala l-eqdem f’Malta.
Il-fratelli jew aħjar l-imseħbin kienu jiltaqgħu biex iħarsu l-jeddijiet
tagħhom, igħinu lil xulxin fil-mard, jaħsbu fir-romol u f’uliehom wara
mewthom u fuq kollox għal ruħhom.
Fis-seklu ħmistax, kont issib xi bennejja u nies li jaħdmu
fil-ġebel (‘muratori’, ‘pirriaturi’, ‘lavuraturi di pietra’) jinqdew
bl-għaqdiet tagħhom u flimkien iressqu xi grazzji għall-approvazzjoni
quddiem il-Viċire u l-Muniċipju.
Hekk ngħidu aħna, minħabba xi ħidma bla ħlas f’xi jiem tas-sena fil-bini
jew tiswija tal-kastelli, talbu li jinħelsu mid-dmir ta’ l-għassa fix-xtut
tal-gżejjer.
L-imseħbin f’dawn ix-xrieki kienu wkoll jiltaqgħu biex jitolbu għalihom
u għall-imseħbin mejta ta’ l-għaqda tagħhom, jifthiemu u jiġbru l-flus
kif ser jiċċelebraw il-festa tal-qaddis patrun tagħhom u x’opri jagħmlu
għall-artal tal-fratellanza, jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom
fil-Kunsill tal-Gvern u l-Konslu li jidħol responsabbli biex jgħasses l-interessi
tas-sengħa tagħhom ħalli ma jkunx hemm taħsir jew qerq fix-xogħol.
Iż-żewġ fratellanzi kbar imxerrdin f’Malta kollha sa mit-twaqqif
tagħhom mid-delegat Appostoliku Mons. P. Dusina fl-1575 dejjem kienu
tas-Sagrament u tal-Madonna.
Skond xi tagħrif siewi fil-ktieb ‘IL-FRATELLANZA TAS-SSMU SAGRAMENT
FIL-PARROĊĊA TA’ S.M. TA’ PORTU SALVU IL-BELT 1575-1975’ ta’ F. Mallia,
min kien jissieħeb f’ta’ l-ewwel kien jiħtieġlu jkun nisrani tajjeb għax
skond l-istatut “min, għal kull ħaġa ta’ xejn jiġġieled, min jeħel
il-ħabs jew jikkommetti xi delitt faħxi, min fil-pubbliku jagħmel xi
dikjarazzjoni kontra t-twemmin tal-fidi tagħna, min ixewwex jew jaqla l-inkwiet
fost il-fratelli, jew jagħmel xi mestier baxx ħafna, min bi kliemu
jbaxxi u jwaqqa fil-għajb il-fratellanza ... ikun imkeċċi mill-fratellanza
u ismu jkun imħassar mill-kotba tagħha.ˮ
Nhar id-29 ta’ Jannar 1801 tressaq ir-rikors quddiem il-Kurja
Maltija sabiex titwaqqaf il-fratellanza taħt il-patroċinju tal-Verġni
Mbierka tal-Karmnu. Fis-7 ta’
Frar 1801, il-Kurja fil-persuna tal-Kanonċi Albino Portugej u Simone
Biagio, Assessur, qalet li l-ewwel pass għandu jittieħed bil-formazzjoni
ta’ statut sabiex fuqu tkun tista timxi l-fratellanza (“... siamo di
parere che prima d’ogni altro ... debbano formare li statute e li
stabilimenti colli quail dovra regolarsi la Sodalita, che si voleriggere...)
Estratt
mill- ktieb "Il-Kariżma Karmelitana fiż-Żurrieq" ta’ Alfred
Camilleri.