banner
IT-TWAQQIF
ħajja ġdida lid-
devozzjoni lejn
il-labtu u l-ħsieb għall-
fratellanza










IL-ĦSIEB

    Nhar id-29 ta’ Settembru 1801, in-Nutar Pietru Pawl Farrugia, wieħed fost l-ewlenin uffiċċjali fil-fratellanza, ħallielna bil-miktub deskrizzjoni ċara taċ-ċelebrazzjonijiet li kienu saru fit-twaqqif ta’ din l-istess Kumpanija, nhar is-27 ta’ Settembru 1801:

 

    ‘F’dawk il-jiem, il-knisja libset l-ifjen ilbies tagħha u ddandnet bħallikieku jum il-festa titular. Lejlet dak il-jum mistenni, qabel id-daqq ta’ l-‘Ave Maria’, indaqqet mota doppja bil-qniepen kollha li damet sejra għal siegħa sħiħa. Ġew sparati ukoll il-maskli. Fil-misraħ iltaqgħu żewġ ġemgħat ta’ daqqaqa (‘... due bande di suonatori'); waħda qagħdet fuq ix-xellug u l-oħra fuqil-lemin u għal siegħa sħiħa ferrħu lill-poplu li nġabar bi hġaru, ‘... colle loro sinfonie.’ Inħaraq in-nar ta’ l-art (‘... un fuoco artificiale’) u dan kien juri faċċata ta’ kastell, b’wisa ta’ 30 xiber u għoli 34 xiber, hekk li damu jaħarquh xi tlett kwarti. Id-daqqaqa allegraw il-poplu għal siegħa oħra u f’dak il-lejl in-nies taż-Żurrieq dawlu d-djar tagħhom. L-għada filgħodu, mad-daqq tal-‘Pater Noster’, id-daqqaqa ħarġu jallegraw it-toroq kollha tar-raħal. Fil-knisja kien hemm 28 xemgħa jnemnmu u joffru d-dawl; xi wħud fuq l-artal maġġur, xi wħud fuq l-artal tal-kor (‘nel Titolare’) u l-bqija fuq l-artal tal-Madonna. Baqgħu jixgħelu sa tard filgħaxija (‘... cosi, acceso fino la sera’) Għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħodu, l-Kleru taż-Żurrieq kien il-mistieden ewlieni fid-dar tal-kappillan Dun Orazio Gafa’ u kielu ċ-ċikkulata bis-saħħa tal-okkażjoni.

  Hekk kif il-purċissjoni għaddiet mill-misraħ, ġew sparati xi maskli u l-qniepen fissru l-ferħ tal-okkażjoni. Wara d-dħul tal-purċissjoni mill-bieb tan-nofs, baqgħu deħlin sa fuq il-presbiterju, fejn kien hemm mejda miksija b’damask ħamrani ħalli fuqha seta jitpoġġa l-gabarre. 

 

     Sar il-kant tat-terza u ġiet iċċelebrata quddiesa solenni bil-mużika li fiha ħadu sehem Dun Fortunato Dalli, id-djaknu Don Pasquale Bonnici, is-Suddjaknu Fra Francesco Cassar u ċ-ċerimonjier Don Gio. Maria Farrugia. Dan tal-aħar għamel priedka ċkejkna u hekk kif temm id-diskors tiegħu, mill-kor tal-Knisja ħarġu Giuseppe Bonello – fiscal tal-Kurja ta’ l-Isqof u Giov. Maria Borġ li f’idejh kelu l-breve ta’ l-erezzjoni mogħtija minn Ruma fuq fuq firma tal-Ġeneral tal-Karmelitani Fra Rocco Melchior u tal-Prokuratur ta’ l-Ordni Fra Giovanni Battista Onestici nhar is-16 ta’ Ġunju 1801, reġistrata fil-Kurja ta’ Malta mill-Assessur Xerri fit-13 t’Awwissu tal-istess sena. Quddiem l-artal maġġur, in-Nutar Farrugia qara din il-breve ‘ad alta voce ed in Maltese’. Wara ħarġu l-ispiżjar Farrugia u l-istess fundatur, it-tnejn lebsin il-kunfratija bajdanija, u waqfu biswit il-mejda fejn kien jistrieħ l-istandard. Resqu wkoll Don Fortunato Dalli, iċ-ċerimonjier u l-qassisin l-oħra, u f’dan il-ħin tbierku l-insinji tal-Konfraternita u l-istandard. Waqt li l-fundatur Borġ u n-nutar Farrugia ħadu ħsieb jarmaw l-istandard, l-orkestra esegwiet xi mużika sagra waqt li d-daqqaqa nstemgħu idoqqu ‘sonata’ ħelwa. Il-qniepen ukoll daqqew għalenija u taw is-sinjal għal dan il-mument tant mistenni. Il-fundatur Borġ għadda l-istandard lid-djaknu u mbagħad dan għaddieh liċ-ċelebrant. Wara li Don Fortunato Dalli għadda l-istandard lura f’idejn in-nutar Farrugia (‘confalloniere’), dan mexa żewġ passi lura waqt li l-fundatur irċieva l-insinji. Fi tmiem il-quddiesa, il-poplu flimkien mal-kleru dar madwar il-presbiterju u flimkien kantaw ‘Te Deum’ bħala radd il-ħajr. F’dan il-ħin id-daqqaqa reġgħu ħolqu melodija li ssaħħar u ġew sparati xi maskli. Xi ftit tal-ħin wara, id-daqqaqa u xi tnabar ħarġu jferrħu t-toroq minn fejn kella tgħaddi l-ewwel purċissjoni tal-fratellanza.

 

     Għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ wara nofs in-nhar, il-qassisin kantaw l-għasar u waqt il-‘Magnificat’ reġa sar l-isparar tal-maskli. Wara kl-vespri, ingħatat il-barka u n-nutar Farrugia sejjaħ lill-fratelli ħalli jinġabru quddiem l-artal tal-Verġni Mbierka li għal dak in-nhar kien armat kif jixraq sa ruħ ommu. Il-kappillan Gafa’ issa ntona l-‘Veni Creator Spiritus’ li għal dik l-okkażjoni kien orkestrat. L-ewwel li pprofessa kien il-kappillan innifsu mbagħad resqu 89 ruħ u bħalu pprofessaw u għamlu l-wegħdiet tagħhom. 

 

    Minn hawn bdiet il-purċissjoni minn ‘żewġ tnabar u fifra’. Warajhom mexa l-istandard akkumpanjat minn żewġt itfal lebsin iż-żimarri u b’xi xemgħa mixgħula. Imbagħad imxew il-fratelli, tnejn, tnejn, waqt li kull wieħed żamm xemgħa mixgħula. Magħhom kien hemm l-uffiċjal tas-surġentina – Mikelanġ D’Amato. Wara ringiela twil ta’ fratelli mexa l-fundatur Borġ flimkien maż-żewġ assistenti tiegħu – Giuseppe Dalli u Giuseppe Saliba. Warajhom kien hemm id-daqqaqa u l-patrijiet Karmelitani tal-Belt, li b’kollox kienu għoxrin ‘colla loro Croce’. Imbagħad imxiet il-ġemgħa l-oħra ta’ daqqaqa, segwiti mis-salib tal-kleru flimkien ma’ l-akkolti u l-qassisin taż-Żurrieq, li bħall-fratelli mxew tnejn, tnejn. F’nofshom mexa ċ-ċerimonjier Don Gio. Maria Farrugia. Wara l-kleru, imxew il-kappisti flimkien ma’ erbat itfal oħra lebsin iż-żimarra u bit-torċi f’idejhom. Żewġt irġiel kienu qegħdin iżommu baċil mimli bil-fjuri biex jinxterdu tul it-triq. Issa nerġgħu milmħu xi sitt itfal oħra lebsin iż-żimarra u f’idejhom kellhom xi xama tal-‘pastiglia’. Imbagħad erbat itfal oħra bit-torċi u tnax il-fratell; xi wħud żammew anterni arġentati, waqt li oħrajn ġarrew xemgħa. F’nofshom mexa ċ-ċelebrant Dun Fortunato Dalli u jassistieh kien hemm Don Giuseppe Spiteri u Don Paolo Bellia. Fl-aħħar imxew il-mużiċisti li flimkien mal-Kleru ħadu ħsieb il-kant. Imbagħad, poplu bla għadd, il-biċċa l-kbira Zrieraq, għalaq il-purċissjoni. Għaddew mix-‘Sciarolla’, ‘la strada della piazza ta’ Blalet Lazzara’, ‘la strada ta’ Zirrech’ u ‘la strada ta’ marcellun’ jew inkella ‘... della fu signora Rosa’. Malli l-fratelli u l-kleru waslu quddiem il-kappella ta’ S. Ġakbu fi Strada Rjali, ġie intonat t-‘Te Deum’. }adu ħsieb jaħarqu xi maskli. Dak in-nhar, mhux it-toroq biss kienu jidhru sbieħ bil-fjuri kuluriti iżda l-faċċati tad-djar iżżejnu wkoll b’xi damask. Hekk kif il-purċissjoni daħlet lura fil-knisja, il-poplu waqaf quddiem l-artal tal-Verġni Mbierka u nxteħet jitlob lil Marija Ssma. bil-qima kollha. 

 

                                        Estratt mill- ktieb "Il-Kariżma Karmelitana fiż-Żurrieq" ta’ Alfred Camilleri.